Jekk tixtieq titlob kumpens, trid timla formola ta’ applikazzjoni. Fl-applikazzjoni jrid jitniżżel:

  • L-isem sħiħ ta’ l-intermedjarju ta’ l-investiment liċenzjat.
  • It-tip ta’ investiment li tkun għamilt.
  • Meta, għaliex u kemm investejt.
  • Għaliex tħoss li inti ntitolat tagħmel talba.
  • Aħna jkollna bżonn naraw evidenza ta’ l-investiment tiegħek. Aktar kemm tagħtina informazzjoni, aktar inkunu nistgħu naħdmu t-talba tiegħek malajr.

Eżemplar tal-formola ta’ l-applikazzjoni tkun disponibbli hekk kif ikun hemm il-ħtieġa.

 

Żmien sabiex wieħed jagħmel talba

L-Iskema ta’ Kumpens lill-Investitur għandha d-dmir li tinforma lill-pubbliku dwar ċirkostanza li għandha effett fuq il-ħila li ditta liċenzjata għandha biex tissodisfa l-obbligi tagħha lejn l-investituri. Għalhekk għandek tressaq talba għal Kumpens kemm jista’ jkun malajr malli inti ssir taf li d-ditta ta’ Investiment liċenzjata waslet biex tfalli. Ir-Regolamenti ma jistabbilixxux terminu biex issir talba għal kumpens lill-Iskema. Madankollu aħna ser nirrispettaw it-termini imposti mill-liġi, bħal dawk li tapplika l-Qorti, għalkemm dawn it-termini jistgħu jiġu injorati f’ċerti ċirkostanzi.

 

Proċessar tat-talba

Wara li nkunu eżaminajna t-talba tiegħek, il-fatti kollha u l-figuri, ninfurmawk jekk intix eliġibbli għal kumpens, u jekk ikun il-każ, l-ammont ta’ kumpens li nistgħu inħallsuk.

Aħna nimmiraw li nħallsu kumpens għat-talbiet verifikati fi żmien tliet xhur mid-dikjarazzjoni. Madankollu jista’ jkun hemm dewmien ikkawżat minn fatturi li mhux fil-kontroll tagħna, bħal per eżempju jekk l-applikazzjoni għall-kumpens ma tkunx imtliet sew, jew f’każijiet fejn l-insolvenza tkun partikolarment komplikata. Per eżempju aħna jista’ jkollna diffikultà li niġbru fajls importanti jew inkunu qed nistennew xi informazzjoni mingħand il-likwidatur. Dawn il-fatturi huma barra mill-kontroll tagħna, u jistgħu iwasslu sabiex ikollna nitolbu estensjoni għall-ipproċessar tat-talba tiegħek.