L-eżempji li ġejjien għandhom l-għan li jservu biss ta’ gwida. Għall-finijiet ta’ dawn l-eżempji, it-tagħrif li ġej japplika:
- Il-bank fallut huwa stabbilit f’Malta.
- Id-Data tal-Kumpens: L-1 ta’ Jannar 2016. Din hi d-data meta l-MFSA ddeterminat b’mod formali li l-bank fallut mhux kapaċi jonora l-obbligi tiegħu lejn id-depożitanti tiegħu u għalhekk mhux f’pożizzjoni li jħallas lura d-depożiti.
- Il-ħlas isir fi żmien sebat (7) ijiem ta’ xogħol mid-Data tal-Kumpens.
- Il-bank iħallas interessi annwali fit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena finanzjarja. Din hi l-aħħar ġurnata meta l-bank ħallas interessi lid-depożitanti.
Sitwazzjoni 1 – Kont tat-tfaddil b’interessi ta’ żero fil-mija
Is-Sur A ddepożita €16,300 f’kont tat-tfaddil ma’ bank. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur A huwa intitolat sabiex jirċievi kumpens ta’ €16,300 fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 2 – Kont tat-tfaddil b’interessi ta’ 0.1 fil-mija
Is-Sur A ddepożita €16,300, £10,000 u U.S $80,000 fi tliet kontijiet ta’ tfaddil ma’ bank. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens fl-ewro, maħdum kif gej:
| Imgħax dovut (mill-1 ta’ Lulju 2015 sal-1 ta’ Jannar 2016) | Rata tal-Kambju fl-1 ta’ Jannar 2016 | Ammont fl-ewro | |
| €16,300 | € 8.15 | N/A | €8.15 |
| £10,000 | £5.00 | 1GBP =1.35388 EUR | €6.77 |
| U.S $80,000 | U.S $40.00 | 1USD = 0.917410 EUR | €36.70 |
| Total = €103,283.22 |
Għalhekk, is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens ta’ €100,000 (bħala l-massimu pagabbli skont l-Iskema) fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 3 – Kont ta’ Depożitu Fiss
Is-Sur A ddepożita €16,300 f’kont ta’ depożitu ma’ bank li se jimmaturaw fi żmien sentejn. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens ta’ €16,300 flimkien mal-imgħax dovut, jekk hemm, fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 4 – Kont tat-Tfaddil
Is-Sur A għandu 5 kontijiet tat-tfaddil f’bank u m’għandu l-ebda dejn. Il-bank jissospendi l-pagament. It-total f’dawn il-kontijiet huwa ta’ €120,000. Is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens ta’ €100,000 fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 5 – Depożitu u Self
Is-Sur A għandu kont tat-tfaddil ta’ €24,000 f’bank. Għandu wkoll self fuq id-dar u fadallu jħallas €200,000 li għadhom mhux dovuti. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens ta’ €24,000, bl-imgħax dovut, jekk hemm, fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 6 – Depożitu u self
Is-Sur B għandu kont tat-tfaddil ta’ €15,000 f’bank. Għandu wkoll self fuq dar b’bilanċ pendenti dovut ta’ €25,000. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur B huwa ntitolat għal kumpens ta’ €15,000, bl-imgħax dovut, jekk hemm, fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 7 – Depożitu u self kurrenti bankarju
Is-Sur C għandu kont tat-tfaddil ta’ €15,000 f’bank. Ġibed ukoll €200,000 mis-self kurrenti bankarju (“overdraft”). Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur C huwa ntitolat għal kumpens ta’ €15,000 bl-imgħax dovut, jekk hemm, fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 8 – Depożitu u kont tal-karta ta’ kreditu
Is-Sur C għandu kont tat-tfaddil ta’ €15,000 f’bank. Għandu wkoll kont tal-karta ta’ kreditu fejn kien għadu kemm iddepożita €1,000 u għalhekk għandu kreditu ta’ dan l-ammont. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Is-Sur C huwa ntitolat għal kumpens ta’ €16,000, bl-imgħax dovut, jekk hemm, fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data tal-kumpens.
Sitwazzjoni 9 – Kont Konġunt
Is-Sur A ddepożita €50,000 f’bank. Għandu wkoll kont konġunt mas-Sinjura B bl-ammont ta’ €120,000. Is-Sinjura B m’għandiex kontijiet oħra mal-bank. Il-bank jissospendi l-pagamenti. Fir-rigward tas-Sur A, l-Iskema tikkalkula l-kumpens kif ġej: €50,000 fir-rigward tal-kont personali tiegħu u 50% tas-sehem tiegħu mill-kont konġunt, jiġifieri €60,000. Għalkemm is-Sur A għandu €110,000 f’depożiti, il-pagament massimu li jista’ jitħallas huwa ta’ €100,000. Is-Sinjura B hija ntitolata għal €60,000 flimkien mal-50% tas-sehem tagħha mill-kont konġunt.
Sitwazzjoni 10 – Ifallu żewġ banek
Is-Sur A iddepożita €100,000 f’Bank A. Għandu depożitu ieħor ta’ €100,000 f’Bank B. Iż-żewġ banek iwaqqfu l-pagamenti. Is-Sur A huwa ntitolat għal kumpens ta’ €200,000 – €100,000 fir-rigward ta’ kull bank.
Sitwazzjoni 11 – Bilanċi Temporanjament Għoljin (1)
Fil-ġurnata li bank jiġi ddikkjarat fallut, is-Sur A għandu €250,000 fil-kont tat-tfaddil tiegħu. M’għandux kontijiet oħra mal-bank fallut. Is-Sur A jirċievi €100,000 mill-Iskema permezz ta’ kumpens. Madankollu, l-Iskema tgħarrfu (permezz ta’ reklami fil-gazzetti) li jista’ ikun eliġibbli għal kumpens addizzjonali sa €500,000 jekk il-kont fil-bank possibilment kellu tranżazzjonijiet b’rabta ma’ avvenimenti personali partikulari (ara mistoqsija 5). Is-Sur A jressaq talba lill-Iskema li fiha jgħid li fil-kont tat-tfaddil tiegħu, kellu ddepożitati €150,000 li jirriżultaw minn bejgħ ta’ proprjetà residenzjali privata eżattament xahar qabel ma falla l-bank. Wara li jsiru verifiki dettaljati, l-Iskema tħallas kumpens addizzjonali ta’ €150,000 lis-Sur A.
Sitwazzjoni 12 – Bilanċi Temporanjament Għoljin (2)
Fil-ġurnata li bank jiġi ddikkjarat fallut, is-Sur A għandu €250,000 fil-kont tat-tfaddil tiegħu. M’għandux kontijiet oħra mal-bank fallut. Is-Sur A jirċievi €100,000 kumpens permezz tal-Iskema. Madankollu, l-Iskema tgħarrfu (permezz ta’ reklami fil-gazzetti) li jista’ ikun eliġibbli għal kumpens addizzjonali sa €500,000 jekk il-kont bankarju tiegħu seta’ kellu tranżazzjonijiet b’rabta ma’ avvenimenti personali partikulari (ara mistoqsija 5). Is-Sur A jressaq talba lill-Iskema li fiha jiddikjara li fil-kont tat-tfaddil tiegħu, kellu €150,000 iddepożitati li kien irċieva qabel minn assigurazzjoni tal-ħajja fi Frar 2015, aktar minn sitt xhur qabel id-data li fiha l-bank ġie ddikkjarat fallut. Wara li jsiru verifiki dettaljati, l-Iskema tirrifjuta t-talba tas-Sur A għal kumpens addizzjonali għaliex l-Iskema hija obbligata tħallas biss jekk il-bilanċi kienu akkreditati fil-kont tad-depożitant fi żmien sitt xhur qabel id-data li fiha l-bank jiġi ddikkjarat fallut.
Sitwazzjoni 13 – Bilanċi Temporanjament Għoljin (2)
Fil-ġurnata li l-bank jiġi ddikkjarat fallut, is-Sur A għandu €500,000 fil-kont tat-tfaddil tiegħu. M’għandux kontijiet oħra mal-bank fallut. Is-Sur A jirċievi €100,000 mill-Iskema permezz ta’ kumpens. Madankollu, l-Iskema tgħarrfu (permezz ta’ reklami fil-gazzetti) li jista’ ikun eliġibbli għal kumpens addizzjonali sa €500,000 jekk il-kont bankarju tiegħu seta’ kellu tranżazzjonijiet b’rabta ma’ avvenimenti personali partikolari (ara mistoqsija 5). Is-Sur A jressaq żewg talbiet lill-Iskema li fihom jiddikjara li fil-kont tat-tfaddil tiegħu, kellu ddepożitati (a) s-somma ta’ €150,000 li kien irċieva minn assigurazzjoni tal-ħajja u (b) €300,000 mill-bejgħ ta’ proprjetà residenzjali. Iż-żewġ bilanċi kienu akkreditati fil-kont tiegħu f’Novembru 2016, fi żmien sitt xhur mid-data meta l-bank kien iddikkjarat fallut. Wara li jsiru verifiki dettaljati, l-Iskema tilqa’ t-talba tas-Sur A għal kumpens addizzjonali ta’ €400,000 bħala l-limitu tal-€500,000 li jista’ jingħata f’każ ta’ avveniment personali.
Sitwazzjoni 14 – Appell
Is-Sur A ddepożita €40,000 f’bank. Għandu €100,000 iddepożitati f’kont ieħor li qed jistqarr li jagħmlu parti minn Bilanċi Temporanjament Għoljin għall-akkwist ta’ proprjetà residenzjali privata. Wara li rat l-evidenzi kollha, l-Iskema tiddeċiedi li t-talba li għamel is-Sur A ma taqax taħt it-tifsira ta’ Bilanċ Temporanjament Għoli skont ir-Regolamenti.
Is-Sur A, li jħossu inġurjat b’din id-deċiżjoni, jista’ jitlob lill-Iskema sabiex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. L-Iskema għandha, fi żmien xahrejn minn din it-talba, tipprovdi lill-imsemmi depożitant ir-raġuni għal din id-deċiżjoni. Dan, madankollu, ma jippreġudikax id-dritt li jista’ jkollu s-Sur A sabiex iressaq talba kontra l-Iskema quddiem qorti jew tribunal kompetenti tal-ġurisdizzjoni ċivili.
Sitwazzjoni 15 – Preskrizzjoni
Is-Sur A jiddepożita €10,000 f’bank. Meta l-bank ifalli ma jirċievi l-ebda kumpens mill-Iskema fi żmien 20 jum ta’ xogħol. Jgħaddu sentejn wara l-20 jum ta’ xogħol li matulhom kellu jirċievi kumpens. Is-Sur A ma jibqax intitolat għall- kumpens għaliex ikun għadda ż-żmien li matulu jkollu d-dritt li jressaq talba għall-pagament.