Mistoqsijiet u tweġibiet fuq is-sitwazzjoni tan-Nemea Bank (30 ta’ Marzu 2017)

1. X’ser jiġri mid-depożiti tiegħi man-Nemea Bank issa li l-bank ma jistax iħallashom lura?

Issa li l-MFSA iddeterminat li d-depożiti m’għadhomx aktar disponibbli, l-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant f’Malta ser tħallas depożiti sa massimu ta’ €100,000 lil kull depożitant. Fil-każ ta’ kontijiet konġunti, kull detentur jista’ jirċievi sa massimu ta’ €100,000, dejjem soġġett għall-limitu applikabli għall-kontijiet kollha f’isem persuna.

2. Kif ser inkun naf jekk id-depożiti tiegħi humiex koperti mill-Iskema?

Kull depożitu eliġibbli huwa kopert mill-Iskema. Dan jinkludi kull kont tat-tfaddil, kurrenti u depożitu fiss, kif ukoll kull kont li, fiż-żmien li l-bank ifalli, ikun bi kreditu (per eżempju, il-kontijiet tal-karta ta’ kreditu u kontijiet ta’ self kurrenti jew ‘overdrafts’).

3. Hemm bżonn li nagħmel talba ma’ l-Iskema sabiex nirċievi kumpens?

Le, mhux se jkollok bżonn tagħmel talba għal kumpens għaliex hija l-Iskema li se tieħu ħsieb tiġbor informazzjoni dwar id-depożiti tiegħek direttament mis-sistemi ta’ Nemea Bank. Il-ħlas ta’ kumpens isir skont l-informazzjoni li tiġi mgħoddija mill-bank lill-Iskema.

4. Għandi diversi kontijiet ma’ Nemea Bank denominati f’diversi muniti. Il-muniti kollha huma koperti mill-Iskema? U kif ser jiġi kkalkulat l-ammont ta’ kumpens?

L-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant tkopri kull munita mingħajr distinzjoni.

F’każ illi għandek aktar minn kont wieħed, l-għola ammont li jitħallas bħala kumpens għal depożiti aggregati ta’ kull depożitant huwa ta’ €100,000.

Kull kumpens lura li jsir mill-Iskema jitħallas f’Ewro. Għalhekk, meta d-depożiti jkunu f’munita oħra li ma tkunx l-Ewro, l-Iskema ssarraf l-ammont tal-kont tiegħek (bl-imgħax dovut) f’ewro u dan skont ir-rata ta’ kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fid-data li jiġi ddeterminat il-kumpens.

5. L-Iskema kemm iddum biex tħallas il-kumpens?

L-Iskema hija obbligata li tħallas il-kumpens fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-data tad-determinazzjoni. L-Iskema tista’ wkoll tipposponi pagament fir-rigward ta’ bilanċi miżmuma f’kontijiet mhux attivi. Kont mhux attiv huwa kont bla tranżazzjonijiet fl-24 xahar (sentejn) ta’ qabel il-kumpens. Għalhekk, jekk il-bank tiegħek ikklassifika kont bħala mhux attiv, il-bilanċ ma jitqiesx fil-kalkolu tal-kumpens. Inti tkun tista’ tressaq talba lill-Iskema fi stadju ulterjuri – għal kumpens addizzjonali (i.e. sal-massimu ta’ €100,000) għal kull ammont miżmum fil-kont mhux attiv. L-Iskema iżda, tista’ xorta tirrifjuta li tħallas il-kumpens addizzjonali jekk il-valur tad-depożitu ikun inqas mill-ispejjeż amministrattivi tal-Iskema sabiex isir tali pagament.

Pagamenti ta’ flus f’kontijiet nominee jew fi trust ukoll jistgħu ikunu posposti.

6. Fejn se nirċievi l-ħlas tal-kumpens?

L-Iskema tgħaddi l-ammont ta’ kumpens ta’ kull depożitant fil-kont tal-bank indikat min-Nemea Bank. Fl-eventwalità li ma jkunx hemm kont tal-bank alternattiv, l-Iskema tħallas il-kumpens permezz ta’ ċekk li jintbagħat lid-depożitant fl-indirizz tad-depożitant kif indikat min-Nemea Bank.

7. Kemm hu l-ammont li ser niġi kkumpensat mill-Iskema?

Il-massimu li l-Iskema hija obbligata tħallas huwa ta’ €100,000 lil kull depożitant.

8. F’liema każ jien eliġibbli għal kumpens ta’ aktar minn €100,000?

Apparti l-kumpens ta’ €100,000, xi depożitanti jistgħu jikkwalifikaw ukoll għal kumpens addizzjonali li ma jaqbisx il-€500,000, magħruf bħala Bilanċ Temporanjament Għoli, jekk l-ammont fil-kont tad-depożitant jissodisfa wieħed minn dawn il-kriterji:

 

  • Flus depożitati fi preparazzjoni għal xiri ta’ proprjetà residenzjali privata; jew
  • Flus mir-rikavati ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali privata; jew
  • Somom imħallsa lid-depożitant fir-rigward ta’:-
  1. Separazzjoni, divorzju jew xoljiment tal-unjoni ċivili; jew
  2. Benefiċċji pagabbli mal-irtirar; jew
  3. Talba għal kumpens f’każ ta’ sensja nġusta; jew
  4. Talba għal kumpens f’każ ta’ għotja ta’ sensja; jew
  5. Benefiċċji pagabbli f’każ ta’ mewt jew ħsara fuq persuna; jew
  6. Talba għal kumpens f’każ ta’ kundanna inġ

9. Kif nista’ napplika għal dan l-ammont addizzjonali?

Jekk inti tħoss li inti tikkwalifika għal kumpens fuq bilanċ temporanjament għoli, inti mitlub li tressaq it-talba tiegħek billi timla din il-formola. Inti ser tkun mitlub tipprovdi dokumenti ta’ sostenn sabiex l-Iskema tkun tista’ tevalwa l-każ tiegħek.

10. X’jiġri jekk il-kont tiegħi huwa konġunt jew nominee jew miżmum fi trust?

Is-sehem ta’ kull depożitant ta’ kont konġunt jiġi kkonsidrat separatament meta jinħadem il-kumpens. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja, il-kont konġunt jinqasam b’mod ugwali bejn id-depożitanti.

Depożiti f’kont bejn tnejn min-nies jew iktar huma ntitolati bħala membri fi sħubija ta’ negozju, mingħajr personalità ġuridika, għandhom jiġu aggregati u trattati daqslikieku saru minn depożitant wieħed għall-iskop tal-kalkolu tal-kumpens.

F’każ fejn wieħed mid-depożitanti jkun intitolat għas-somma miżmuma fil-kont iżda l-persuna l-oħra ma tkunx intitolata, l-Iskema se tħallas lill-persuna intitolata biss.

Fil-każ ta’ depożiti ta’ persuna li qiegħda taġixxi bħala fiduċjarju jew mandatarju għal persuna waħda jew iktar, id-depożitu jiġi meqjus li jappartjeni lill-benefiċjarji b’mod ugwali, sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tiddetermina l-interess benefiċjarju b’mod differenti. Huma l-fiduċjarju u jew il-mandatarju li għandhom jipprovdu l-ismijiet u l-ammonti dovuti lil kull persuna benefiċjarja. Effettivament, dawn it-tipi ta’ kontijiet ma jiġux ikkumpensati mill-Iskema fil-limitu taż-żmien kif spjegat iktar ‘il fuq. Meta tkun iddeterminat l-ammonti, l-Iskema tistieden lid-detenturi tal-kontijiet sabiex jipprovdu lista dettaljata tas-sidien benefiċjarji tal-kontijiet ikkonċernati sabiex tkun tista tħallas il-kumpens li jkun dovut lil dawn is-sidien benefiċjarji.

11. X’se jkunu l-implikazzjonijiet fuq l-ekonomija Maltija u finanzjarja?

Nemea Bank huwa bank żgħir, ġie liċenzjat fl-2008 u beda jaċċetta depożiti minn Ottubru 2014.  Fid-dawl tal-fatt li l-bank huwa żgħir meta kumparat mas-settur bankarju Malti, il-miżuri li ġew adottati mill-MFSA mhux mistennija li jaffetwaw is-saħħa tas-settur bankarju Malti li għandu kapital għoli u riżorsi adegwati.