Termini komuni li se tiltaqa’ magħhom f’dawn il-Mistoqsijiet u Tweġibiet:

“il-Kumpanija” Maltese Cross Financial Services Limited
“l-Iskema” Skema ta’ Kumpens għall-Investituri
“MFSA” jew “l-Awtorità” L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta
“Investitur” jew “min jagħmel it-talba għal kumpens” klijenti tal-Kumpanija li fdaw flushom jew l-investimenti taghhom mal-Kumpanija skont il-licenzja tan-negozju mogħtija
“ir-Regolamenti” ir-Regolamenti dwar Skema ta’ Kumpens għall-Investituri – Avviz Legali 368 tal-2003

 

  1. Min hi l-kumpanija Maltese Cross Financial Services Limited u xi ġralha?

Il-kumpanija Maltese Cross Financial Services Limited hija kumpanija Maltija reġistrata u li għandha liċenzja ta’ Kategorija 2.

Fis-7 ta’ Awwissu 2014, l-MFSA ħabbret li kienet issospendiet l-operat tal-Kumpanija b’effett immedjat.

Fil-11 ta’ Awwissu 2014, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji iddeterminat li Maltese Cross Financial Services Limited ma tistax taqdi l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn talbiet magħmula mill-investituri għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkonstanzi finanzjarji tagħha.

  1. Xi jfisser dan għall-klijenti tal-kumpanija Maltese Cross Financial Services Limited?

L-MFSA iddeterminat li l-Maltese Cross Financial Services Limited ma tistax tħallas lura flus dovuti lil, jew li jappartjenu lill-investituri u li huma miżmuma f’isimhom in konnessjoni ma’ negozju liċenzjat; jew li trodd lura lill-investituri strumenti li huma proprjetà tagħhom u miżmuma, amministrati jew ġestiti f’isimhom f’konnessjoni ma’ negozju liċenzjat.

Klijenti ta’ Maltese Cross Financial Services Limited probabbilment kellhom l-investimenti tagħhom reġistrati:

  1. f’isimhom stess: Il-Kumpanija jista’ jagħti l-każ li xtrat l-investiment f’isem il-klijent tagħha. Fejn dan kien il-każ, b’mod partikolari f’każ ta’ investimenti ikkwotati fuq il-Borza ta’ Malta (“MSE”), l-investitur jista’ jikkonferma li dawn l-investimenti huma reġistrati f’ismu kif suppost billi jagħmel talba mad-depożitorju ċentrali tat-titoli (CSD) tal-MSE. Jekk dan huwa l-każ, inti tista’ tamministra dawn l-istess investimenti permezz ta’ intermedjarju finanzjarju liċenżjat ieħor.
  2. taħt mandatarju: Il-Kumpanija jista’ jkun tkun xtrat investimenti f’isimha għan-nom tal-investitur.

F’dawn iż-żewġ każijiet, l-MFSA bħalissa għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex tara jekk il-Kumpanija wettqitx l-istruzzjonijiet mogħtija mill-klijenti tagħha.

  1. X’inhi l-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri? (aġġornata 18 ta’ Awissu 2014)

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri hija fond ta’ salvataġġ għall-klijenti ta’ ditti ta’ investiment falluti li huma liċenzjati mill-MFSA. Ir-Regolamenti tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għal dan il-kumpens. Il-kumpens massimu li jista’ jitħallas mill-Iskema huwa ta’ €20,000, jew disgħin fil-mija tat-talbiet għal kumpens mill-investitur, liema minnhom ikun l-inqas. Mal-ħlas tal-kumpens, l-Iskema tiġi surrogata fid-drittijiet tal-applikant li jkun qed jagħmel it-talba għal kumpens kontra Maltese Cross Financial Services Limited – jiġifieri, meta tapplika biex tirkupra flus mingħand Maltese Cross Financial Services Limited, l-Iskema “tidħol fiż-żarbun” tal-investitur sa l-ammont ta’ kumpens imħallas.

Id-drittijiet tal-investitur fir-rigward ta’ ammonti oħra li l-Iskema ma tkunx ħallset kumpens tagħhom, la jgħaddu għand l-Iskema u lanqas ser jiġu preġudikati b’xi mod jew ieħor. Dan japplika wkoll għal dawk l-investimenti li l-investitur jagħzel li ma jinkludix fit-talba tiegħu għal kumpens. Huwa għalhekk rakkommandabbli li l-investitur ifittex parir legali sabiex jivverifika d-drittijiet legali tiegħu.

L-Iskema tfasslet fuq id-Direttiva 97/9 tal-UE dwar l-iskemi ta’ kumpens lill-investitur.

  1. L-investituri tal-Kumpanija huma kollha eliġibbli li jirċievu kumpens mill-Iskema?

Ġeneralment, l-investituri fil-livell tal-konsumatur huma kollha eliġibbli għal kumpens.

Madankollu, hemm għadd ta’ investituri li mhumiex intitolati għal kumpens. Dawn huma :

  1. Persuni li qed jagħtu servizz ta’ investiment fis-sens tal-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment, jew leġiżlazzjoni barranija ekwivalenti jew simili;
  2. Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu qed joffru servizzi ta’ investiment fis-sens tal-Att Bankarju, jew leġiżlazzjoni barranija ekwivalenti jew simili;
  3. Istituzzjonijiet finanzjarji fis-sens tal-Att dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji, jew leġiżlazzjoni barranija ekwivalenti jew simili;
  4. Impriżi tal-assigurazzjoni li jkollhom negozju tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Att dwar in-negozju ta’ Assigurazzjoni u l-Att dwar l-Aġenti tal-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra, jew taħt leġiżlazzjoni barranija ekwivalenti jew simili;
  5. Skemi ta’ investiment kollettiv;
  6. Fondi għall-pensjoni u u għal min jirtira;
  7. Kumpaniji li huma ta’ daqs li mhux permess li jiġu mfassla karti tal-bilanċ imqassra skont l-Att dwar il-Kumpaniji, jew taħt leġiżlazzjoni barranija ekwivalenti jew simili;
  8. Gvernijiet jew awtoritajiet amministrattivi, istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali;
  9. Kunsilli lokali jew awtoritajiet lokali;
  10. Sigurtajiet ta’ debitu maħruġ mill-istess istituzzjoni u responsabbiltajiet li jirriżultaw minn aċċettazzjonijiet ta’ ħlas u ċedoli;
  11. Persuni li għandhom kontijiet li ma jixkfux l-identità tal-investitur;
  12. Kumpaniji u soċjetajiet kummerċjali fl-istess grupp ta’ min għandu l-liċenzja;
  13. Diretturi u maniġers ta’ min għandu l-liċenzja u membri ta’ min għandu l-liċenzja b’responsabbiltà personali, persuni li għandhom ħamsa fil-mija jew aktar tal-kapital ta’ min għandu l-liċenzja, l-awdituri ta’ min għandu l-liċenzja u persuni tal-istess deskrizzjoni fir-rigward ta’ kumpanija li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji bħal min għandu l-liċenzja;
  14. Qraba viċini, jiġifieri, axxendenti, dixxendenti jew il-mara jew ir-raġel tal-persuni msemmija f’paragrafu 13;
  15. Investituri li għandhom xi responsabbiltà għal jew kienu ħadu vantaġġ minn ċerti fatti relatati ma’ min għandu l-liċenzja li wasslu għad-diffikultajiet finanzjarji ta’ min għandu l-liċenzja jew ikkontribwew biex is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tiddeterjora;
  16. Investituri fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li wasslu għal piena kriminali fuq ħasil ta’ flus skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil ta’ Flus, jew taħt legiżlazzjoni ekwivalenti jew simili barranija;
  17. Mandatarji, trustees jew partijiet terzi oħra li jaġixxu f’isem jew fl-interess tal-persuni msemmija f’din l-Iskeda sakemm dawk il-fondi jinżammu f’dik il-kapacità;
  18. Investituri professjonisti u istituzzjonali.

Jekk inti investitur li użajt is-servizzi tal-Kumpanija u ma taqax taħt l-ebda waħda mill-kategoriji msemmijin hawn fuq, mela allura inti tista’ tressaq it-talba tiegħek għal kumpens lill-Iskema.

  1. Kif nagħmel talba għal kumpens mal-Iskema kontra Maltese Cross Financial Services Limited?

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri ppubblikat avviżi fil-gazzetti kollha ewlenin biex tgħarraf lill-investituri eliġibbli dwar kif jistgħu japplikaw għal kumpens mill-Iskema.

Trid timla’ l-formola tal-applikazzjoni jekk trid titlob kumpens. Il-formola tal-applikazzjoni titlob lil min qed jagħmel it-talba għal kumpens sabiex jagħti tagħrif ewlieni biex iwieżen it-talba tiegħu bħalma huma dettalji u evidenzi tal-investiment. Min qed jagħmel it-talba għal kumpens se jintalab ukoll jibgħat iktar evidenza sabiex iwieżen it-talba tiegħu, bħalma huma:

  1. Kopji oriġinali tad-dokumentazzjoni relatata mal-investiment(i) (eż. nota kuntrattwali, ċertifikat ta’ investiment, jew stqarrija) flimkien mar-rendikont bankarju li jagħti dettalji dwar is-somma investita fl-investiment(i);
  2. Kopji oriġinali relevanti mat-talba (eż. Korrispondenza mal-kumpanija);
  3. Kwalunkwe tagħrif ieħor hekk kif mitlub mill-Iskema.

Aktar ma tingħata informazzjoni lill-Iskema, aktar ikun faċli għaliha biex tevalwa t-talba tiegħek għall-kumpens. Din l-evidenza hija meħtieġa mill-Iskema sabiex tivverifika t-talba għal kumpens kontra kull evidenza oħra miżmuma mill-Iskema.

Importanti ħafna li timla l-formola kollha. Jekk tħalli barra xi informazzjoni mitluba, nerġgħu nibagħtulek il-formola lura. Dan jista’ jtawwal il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek għall-kumpens.

Fl-eventwalità li xi investitur m’għadx għandu n-nota kuntrattwali oriġinali b’rabta mal-investiment/i, minħabba li jew intilfet jew ma tistax tinstab jew għadha ma ntbagħtitx mill-Kumpanija, l-investitur għandu jipprovdi evidenza dokumentata oħra lill-Iskema (per eżempju immaġini ta’ ċekkijiet, rendikonti bankarji jew riċevuta maħruġa mill-Kumpanija) li jixhdu li l-investiment tassew ikun sar. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Iskema li tiddeċiedi jekk l-evidenza dokumentata mgħoddija hijiex sodisfaċenti jew le u kull talba għal kumpens tiġi trattata fuq bażi individwali.

Il-formola ta’ applikazzjoni, mimlija sew u ffirmata, għandha tintbagħat permezz ta’ posta reġistrata jew direttament bl-idejn kif gej:

Skema ta’ Kumpens għall-Investituri
c/o L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji
Triq Notabile
Ħ’Attard BKR3000

Suġġett: Talba għall-kumpens b’rabta ma’ Maltese Cross Financial Services Limited

  1. Irrid inħallas xi flus sabiex l-Iskema tikkunsidra t-talba tiegħi?

Le. L-Iskema ma titlobx ħlasijiet mingħand l-investituri sabiex jużaw is-servizz tagħha.

  1. L-Iskema tkopri kemm kumpaniji kif ukoll individwi?

Bosta investituri bl-imnut huma koperti kemm jekk huma individwi kif ukoll kumpaniji. It-tweġiba tagħna għal Mistoqsija 4 ssemmi wħud mill-kategoriji ta’ investituri li mhumiex koperti. Madankollu, kumpaniji li għandhom il-permess li jippreżentaw karti tal-bilanċ imqassra skont l-Att dwar il-Kumpaniji huma wkoll koperti minn din l-Iskema.

  1. B’liema mod l-Iskema tiddetermina jekk inix eliġibbli għal kumpens?

Meta l-Iskema tirċievi l-formola tal-applikazzjoni mimlija, din se tipproċedi sabiex tevalwa t-talba għal kumpens u tiddetermina jekk min qed jagħmel it-talba huwiex eliġibbli għal kumpens skont ir-regoli tal-Iskema.

Kull talba għal kumpens se tiġi trattata fuq bazi individwali, skont l-informazzjoni mressqa fil-formola tal-applikazzjoni flimkien mal-evidenza mehmuża.

L-Iskema trid tiċċekkja b’reqqa kull talba għal kumpens u tiżgura li kull talba hi koperta mir-regolamenti qabel ma tkun tista’ tipproċessaha u toħrog rifużjoni skont it-termini tar-Regolamenti. Jekk m’intix eliġibbli għal kumpens skont ir-regolamenti, se ngħarrfuk bil-miktub u nagħtuk ir-raġuni.

  1. Talba kemm tieħu żmien sakemm tiġi saldata?

Inħeġġuk tressaq it-talba tiegħek għal kumpens mill-aktar fis possibbli. L-Iskema tkun tista’ tipproċedi bil-pagament tal-kumpens ta’ talbiet ivverifikati fi żmien tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Iskema tista’titlob lill-MFSA sabiex testendi il-perjodu bi ftit.

  1. X’livell ta’ protezzjoni tipprovdi l-Iskema?

Il-kumpens massimu li jista’ jitħallas permezz tal-Iskema huwa ta’ €20,000, jew disgħin fil-mija tal-ammont eliġibbli għal kumpens ta’ investitur, liema minnhom ikun l-inqas. Mal-ħlas tal-kumpens, l-Iskema tiġi surrogata fid-drittijiet tal-applikant li jkun qed jagħmel it-talba għal kumpens kontra Maltese Cross Financial Services Limited. L-ammont pagabbli huwa rregolat skont l-Avviz Legali 368 tal-2003.

  1. Hemm mezzi oħra ta’ rimedju?

L-investituri għandhom ifittxu parir legali meta jiġu biex jiddeċiedu jekk jaċċettawx il-kumpens mill-Iskema u jekk għandhomx mezzi oħra disponibbli biex jitolbu rimedju.

  1. X’jiġri fil-każ meta l-investiment tiegħi huwa konġunt jew ma’ fiduċjarju, jew l-investimenti tiegħi huma f’isem mandatarju?

Kontijiet konġunti jinqasmu b’mod ugwali bejn id-detenturi tal-kont kemm-il darba m’hemmx indikazzjoni tas-sehem ta’ kull detentur tal-kont. Kull wieħed huwa kopert sal-massimu deskritt iktar ‘il fuq, suġġett għall-eliġibilità.

Fir-rigward ta’ investimenti miżmuma minn persuna li taġixxi ta’ fiduċjarju jew mandatarju għal persuna wahda jew aktar, l-investiment li jagħmel parti minn din it-talba għal kumpens għandu jitqies li jappartjeni lis-sidien benefiċjarji b’mod ugwali sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tista’ tiddetermina mod ieħor x’inhuma l-interessi benefiċjarji ta’ tali persuni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jinkixfu b’mod sħiħ is-sidien benefiċjarji tal-investiment bil-għan li titwiezen it-talba għal kumpens.

  1. Kif se jitħallas il-kumpens? (aġġornata fis-27 t’Awwissu 2014)

L-applikazzjoni tiegħek se tiġi eżaminata bir-reqqa sabiex jiġi determinat jekk intix eliġibbli għal kumpens. Malli dan jiġi stabbilit, l-Iskema se tgħarrfek bil-miktub li l-pagament jista’ jsir b’surroga tad-drittijiet tiegħek favur l-Iskema.

Wara li tingħata l-kumpens, l-Iskema ta’ Kumpens lill-Investituri se tkun surrogata fid-drittijiet tiegħek għat-talba kontra Maltese Cross Financial Services Limited u kontra terzi persuni oħra, unikament rigward l-irkupru tal-ammont ta’ kumpens imħallas lilek mill-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri. Din is-surroga fid-drittijiet mhix ser tippreġudika talbiet mressqa minnek għal ammonti fl-eċċess ta’ dawk li tkun tħallast mill-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri.

Inti tkun tista’ tagħzel jekk il-pagament isirlekx b’ċekk jew permezz ta’ trasferiment bankarju.

L-Iskema hija obbligata li tħallas lill-investituri eliġibbli fl-istess munita tal-investiment tagħhom.