It-tagħrif disponibbli fuq din il-paġna qiegħed jingħata bl-għan li jinforma u jeduka. F’każ ta’ dubju jew jekk tixtieq tikseb aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta mal-liġi (AL383 tal-2015) jew inkella, agħfas hawn, sabiex tagħmel il-mistoqsija tiegħek.

1. Kif se nkun naf jekk inix kopert mill-Iskema f’Malta?

Jekk inti digà detentur ta’ kont ma’ bank f’Malta, inti awtomatikament protett mill-Iskema kemm-il darba dak il-bank ifalli. Mill-inqas darba fis-sena, il-bank tiegħek mhux biss għandu jinfurmak jekk il-kont tiegħek huwiex kopert mill-Iskema jew le, imma huwa wkoll obbligat li jipprovdilek fuljett informattiv li jiddeskrivi l-livell u l-firxa ta’ protezzjoni li qed tgawdi minnha. Iktar ‘l isfel għandek issib kampjun tal-fuljett informattiv.

Jekk għadek kemm ftaħt kont ġdid, il-bank tiegħek huwa obbligat jgħaddilek il-fuljett informattiv imsemmi iktar ‘il fuq. Inti tkun trid ukoll tikkonferma mal-bank li rċevejt kopja tal-fuljett informattiv.

2. Liema kontijiet huma koperti mil-Iskema?

Il-kontijiet ta’ depożitu eliġibbli huma kollha koperti mill-Iskema. Dawn jinkludu l-kontijiet kollha ta’ tfaddil, kontijiet kurrenti u ta’ depożitu fiss, kif ukoll kull tip ta’ kont li, meta jfalli l-bank, jkun bi kreditu (bħalma huma kontijiet ta’ karti ta’ kreditu u self kurrenti bankarju).

Depożiti li jistgħu ikunu evidenzjati permezz ta’ ċertifikat jew li jistgħu ikunu marbuta ma’ xi investiment (bħalma huma prodotti fejn il-kapital ma jitħallasx kollu lura mal-maturità) ma jitqisux bħala depożiti u għalhekk mhumiex koperti mil-Iskema. Madankollu, ċertifikati ta’ depożitu magħmula f’isem persuni u li kienu f’Malta fit-2 ta’ Lulju 2014 huma koperti mill-Iskema.

3. Għandi numru ta’ kontijiet mal-istess bank, iddenominati f’muniti varji. Il-muniti huma kollha koperti u kif se jinħadem il-pagament tal-kumpens?

L-Iskema tkopri d-depożiti magħmula fil-muniti kollha mingħajr distinzjoni.

Barra minn hekk, peress li għandek iktar depożiti mal-istess istituzzjoni ta’ kreditu, id-depożiti kollha tiegħek ma’ l-istess istituzzjoni ta’ kreditu jingħaddu flimkien u t-total huwa soġġett għal kumpens massimu ta’ EUR100,000 lil kull depożitant.

Madankollu, fl-eventwalità li l-Iskema tħallas kumpens, dan il-kumpens jitħallas bl-ewro. Għaldaqstant, jekk il-kont tiegħek huwa f’munita oħra li mhijiex l-ewro, l-Iskema taqleb l-ammont fil-kont tiegħek (bi kwalunkwe interessi migmugħa) fl-ewro skont ir-rata tal-kambju uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) meta l-Iskema tintalab tagħmel dan it-tip ta’ kumpens.

4. Jekk il-bank tiegħi ifalli, kemm hu l-kumpens li għandi nistenna mill-Iskema?

L-ammont massimu li l-Iskema hija obbligata li tħallas lid-depożitanti ta’ bank li falla huwa ta’ €100,000. Dan il-limitu japplika għat-total ta’ depożiti miżmuma mid-depożitant mal-bank fallut, irrispettivament min-numru ta’ kontijiet, il-munita ta’ dawn il-kontijiet kif ukoll il-post fejn jinsabu fiż-ŻEE.

Madankollu, tista’ tkun ukoll eliġibbli għal kumpens addizzjonali jekk tista’ tipprova li – fil-mument li falla l-bank – kellek ammonti li jaqbżu il-€100,000 li kienu ġejja minn avvenimenti personali speċifiċi. Ara l-mistoqsija li jmiss għal aktar tagħrif.

5. Għidli aktar dwar il-possibbiltà li l-kumpens ikun ikbar minn dak li toffri l-Iskema u li jaqbeż il-kumpens massimu ta’ €100,000.

Meta jfalli bank, id-depożitant jista’ jkollu xi bilanċi fil-kont tiegħu li jaf ikunu ġejjin minn sitwazzjonijiet partikolari tal-ħajja jew soċjali. Normalment dawn ikunu pagamenti temporanjament għoljin magħmulin lid-depożitant.

Minbarra l-kumpens ta’ €100,000, uħud mid-depożitanti jistgħu għalhekk jikkwalifikaw ukoll sabiex jirċievu kumpens addizzjonali li ma jaqbiżx il-€500,000 jekk il-bilanċ fil-kont tad-depożitant ikun ġej minn dawn l-avvenimenti personali:

(a) Flus iddepożitati bi tħejjija biex tinxtara proprjetà residenzjali privata mid-depożitant:

(b) Flus li jirrappreżentaw id-dħul minn bejgħ ta’ proprjetà residenzjali privata tad-depożitant.

(c) Somom imħallsa lid-depożitant b’rabta ma’ :

  1. Separazzjoni, divorzju jew xoljiment tal-unjoni ċivili; jew
  2. Benefiċċji pagabbli fl-irtirar; jew
  3. Talba għal kumpens f’każ ta’ sensja inġusta; jew
  4. Talba għal kumpens f’każ ta’ għoti tas-sensja; jew
  5. Benefiċċji pagabbli f’każ ta’ mewt jew korriment; jew
  6. Talba għal kumpens f’każ ta’ kundanna żbaljata.

Sabiex issir talba għal dan il-kumpens addizzjonali, id-depożitant għandu jressaq quddiem l-Iskema applikazzjoni bil-miktub u evidenza li tappoġġa t-talba li d-depożitu kollu jew parti minnu li jaqbeż il-€100,000 jikkwalifika bħala bilanċ temporanjament għoli.

Id-depożitant jista’ jagħmel aktar minn talba WAĦDA jekk hemm diversi sitwazzjonijiet li jwasslu għal bilanċ temporanjament għoli, f’liema każ il-kumpens addizzjonali sa €500,000 japplika għal kull talba ta’ bilanċ temporanjament għoli.

Apparti l-kriterji mniżżla hawn fuq, bilanċ temporanjament għoli jkun eliġibbli għal kumpens jekk l-ammonti miksuba jkunu ġew ikkreditati fil-kont tad-depożitant fi żmien sitt xhur mid-data li l-Iskema tkun obbligata tħallas il-kumpens lid-depożitant.  Għalhekk, jekk id-depożitant jiddikjara li kellu bilanċ f’kont (miksub minn sitwazzjoni minn dawk deskritti iktar ‘il fuq) għal aktar minn sitt xhur mid-data li l-Iskema hija mitluba tħallas il-kumpens lid-depożitant, l-Iskema ma tkunx obbligata tħallas tali kumpens addizzjonali kif imfisser iktar ‘il fuq.

Għalhekk, jekk issostni li kellek bilaċ f’kont (ġej minn sitwazzjoni deskritta iktar ‘il fuq) għal aktar minn sitt xhur, l-Iskema ma tkunx obbligata li tħallas tali kumpens addizzjonali kif spjegat hawn fuq.

6. Jekk apparti depożiti għandi wkoll self mal-bank li falla, xorta intitolat għal kumpens mill-Iskema?

Iva, xorta intitolat għal kumpens. L-Iskema mhux se tnaqqas u mhux se tikkunsidra ammonti dovuti lill-bank fallut. Dawn l-ammonti jistgħu jinkludu, per eżempju, ammonti dovuti b’rabta ma’ self u self kurrenti bankarju.

Kull kumpens pagabbli mill-Iskema jiġi kkalkolat fuq l-ammonti kkreditati fil-kontijiet ta’ dak id-depożitant, li jinkludu imgħax akkumulat sal-ġurnata li l-Iskema tkun obbligata li tħallas il-kumpens.

Minkejja dan, il-fatt li l-bank ikun falla, id-djun u l-ammonti dovuti minnek lill-bank mhux se jiġu kkanċellati. Imma l-likwidatur tal-bank jitratta dawk l-aspetti iktar tard.

L-Iskema tista’ wkoll iżżomm milli tħallas kumpens ta’ depożiti li l-bank ikun imblokka konsegwenza ta’ obbligi legali u proċeduri kriminali (fosthom dawk kontra ħasil ta’ flus u sekwestru).

L-Iskema tkoprini dejjem kemm-il darba jkolli kont ta’ depożitu, jew irrid inġedded il-protezzjoni li għandi?

Le, m’għandekx bżonn iġġedded il-protezzjoni li għandek. L-applikazzjoni tal-garanzija hi applikabbli għall-kontijiet kollha eżistenti, kif ukoll għal kontijiet li tista’ tiftaħ fil-ġejjieni mal-banek. Barra minn hekk, din il-protezzjoni ma tiskadix.

7. Għandi bżonn napplika mal-Iskema għal kumpens?

Le, mhux se tintalab tapplika għal kumpens għaliex l-Iskema se tieħu ħsieb tikseb tagħrif dwar id-depożiti tiegħek direttament mis-sistemi tal-bank fallut. Il-pagament tal-kumpens isir skont l-informazzjoni li l-bank jgħaddi lill-Iskema.

8. Il-kumpens kemm idum biex jiġi mħallas mill-Iskema?

Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Iskema se tkun obbligata li tħallas il-kumpens fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data li bank jiġi ddikkjarat inadempjenti  għaliex ma jkunx jista’ jħallas lura d-depożiti.

Sa din id-data, l-Iskema se tkun mitluba tħallas il-kumpens fi żmien 20 ġurnata ta’ xogħol mid-data meta l-bank jiġi ddikkjarat inadempjenti għaliex ma jkunx f’qagħda li jħallas lura d-depożiti. L-Iskema għandha l-obbligu li tiżgura li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont – ekwivalenti għal tliet darbiet tal-paga minima gross fil-ġimgħa (kif applikabbli fiż-żmien meta jingħata l-kumpens) sabiex ikopru l-ispejjeż b’rabta mal-għoli tal-ħajja – fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta ssir it-talba mid-depożitant. Iktar dettalji dwar dan se jingħataw iktar ’il quddiem.

L-Iskema tista’ wkoll ittawwal il-pagament b’rabta mal-bilanċi miżmuma f’kontijiet inattivi. Kont inattiv huwa kont fejn ma tkunx saret tranżazzjoni tul l-24 xahar ta’ qabel (sentejn). Għalhekk, jekk il-bank tiegħek jikklassifika l-kont bħala inattiv, il-bilanċ f’dan il-kont ma jitqiesx mill-Iskema fil-kalkolu tal-kumpens dovut. Inti tista’ tapplika mal-Iskema – iktar tard – għal kumpens addizzjonali (ie. fil-limitu massimu ta’ €100,000) għall-ammonti miżmuma f’tali kont inattiv.

 

Madankollu, l-Iskema tista’ xorta tirrifjuta li tħallas dan il-kumpens addizzjonali jekk il-valur tad-depożitu jkun inqas mill-ispejjeż amministrattivi tal-Iskema biex tagħti tali kumpens.

Pagament ta’ kontijiet f’isem mandatarju jew fiduċjarju wkoll jista’ jiġi pospost.

9. L-Iskema kif tista’ tikkalkula l-ammont ta’ kumpens li jkun dovut lili?

Il-banek kollha se jkunu mitluba jidentifikaw u jikklassifikaw id-depożitanti u d-depożiti kollha b’tali mod li l-Iskema tkun tista’ tikkalkula l-ammont ta’ kumpens dovut lil kull depożitant.

Din il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni ssir b’mod elettroniku skont l-istandards kif mitluba mill-Iskema.

Skont il-liġi l-Iskema għandha tkun kapaċi tevalwa l-mod li bih il-banek qed jikklassifikaw dawn il-kontijiet. Għal dan il-għan, il-liġi titlob li l-Iskema għandha twettaq testijiet rigorużi minn zmien għal żmien sabiex ikun żgurat li l-banek huma konformi mal-liġi.

Kemm l-Iskema kif ukoll il-bank huma mitluba jittrattaw l-informazzjoni dwar id-depożitant bl-aktar mod kunfidenzjali u skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, u dan bl-iktar mod strett possibbli.

10. L-Iskema tkopri kumpaniji kif ukoll individwi?

Kif ingħad iktar ‘il fuq, bosta tipi ta’ depożiti eliġibbli huma koperti, inkluz kontijiet kurrenti, fissi u ta’ tfaddil.

Bl-istess mod, bosta mid-depożitanti huma koperti mill-Iskema.

Kumpanija li għandha kontijiet ma’ bank fallut, u li mhijiex eskluża milli tirċievi kumpens skont kif permess mil-liġi (ara hawn taħt), aktarx hija koperta mill-Iskema u eliġibbli li tirċievi kumpens skont il-massimu permissibbli ta’ €100,000.

L-Iskema ma tkoprix depożitu f’bank fallut li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

  1. Depożiti magħmula minn istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu f’isimhom u f’isem il-kont tagħhom;
  2. Fondi li jappartjenu lill-bank;
  3. Depożiti li ġejjin minn tranżazzjonijiet konnessi ma’ kundanna kriminali fuq ħasil ta’ flus;
  4. Depożiti magħmula minn istituzzjonijiet finanzjarji;
  5. Depożiti magħmula minn kumpaniji ta’ investiment;
  6. Depożiti magħmula minn detentur li qatt ma ġie identifikat;
  7. Depożiti magħmula minn impriżi tal-assigurazzjoni u minn impriżi ta’ riassigurazzjoni;
  8. Depożiti magħmula minn impriżi tal-investiment kollettiv;
  9. Depożiti magħmula minn pensjonijiet u fondi ta’ rtirar;
  10. Depożiti minn awtoritajiet pubbliċi;
  11. Titoli ta’ dejn maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn aċċettazzjonijiet u ċedoli;
  12. Depożiti miżmuma ma’ membru f’fergħa ta’ dak il-membru li tinsab fi Stat mhux Membru;
  13. Depożiti miżmuma f’fergħa f’Malta minn bank stabbilit barra miż-ŻEE.

F’każ ta’ dubju, nissuġġerulek li titlob lill-bank tiegħek jikkonfermalek jekk tikkwalifikax biex tingħata kumpens mill-Iskema.

11. Tkopru servizzi ta’ investiment?

Is-servizzi ta’ investiment mhumiex koperti mill-Iskema. Madankollu, jistgħu ikunu eliġibbli għal protezzjoni taħt arranġamenti differenti, jiġifieri l-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri.

12. Xi jwassal biex l-Iskema tgħaddi l-pagament ta’ kumpens?

Il-kumpens ma jsirx jekk il-bank liċenzjat jista’ jagħtik lura d-depożitu imma qed jirrifjuta li jagħmel dan minħabba raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi finanzjarji negattivi li jinsab fihom. Għalhekk, l-Iskema ma tkoprix dawn it-talbiet.

13. L-Iskema kif tikseb il-fondi biex tħallas il-kumpens lid-depożitanti?

L-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant mhijiex kumpanija tal-assigurazzjoni. Ma tirċevix fondi mill-Gvern jew minn min qed iħallas it-taxxa. L-Iskema tikseb il-fondi minn kontribuzzjonijiet kontanti u assi mirhuna mill-banek kollha li huma liċenzjati mill-MFSA.

14. X’jiġri jekk għandi kont konġunt jew miżmum f’isem ħaddiehor (trust), jew jekk l-azzjonijiet tiegħi huma miżmuma minn mandatarju?

Is-sehem ta’ kull depożitant ta’ kont konġunt jitqies separatament meta jiġi kkalkulat il-kumpens. Fin-nuqqas ta’ provvedimenti kuntrarji, il-kont konġunt jinqasam b’mod ugwali bejn id-depożitanti.

Depożiti magħmula f’kont f’isem żewġ persuni jew aktar li huma msieħba f’negozju, f’assoċjazzjoni jew fi grupp ta’ natura simili, mingħajr personalità ġuridika, ser jinġabru flimkien u jiġu meqjusa daqslikieku saru minn depożitant wieħed għal fini tal-kalkolu tal-kumpens.

F’każ li depożitant mhuwiex assolutament intitolat għall-ammonti miżmuma f’kont u persuna oħra hija assolutament intitolata għal dawn l-ammonti, il-persuna li hija ntitolata tiġi mħallsa  l-kumpens b’rabta mad-depożitu.

Rigward depożiti miżmuma minn persuna li taġixxi bħala fiduċjarju jew  mandatarju ta’ persuna waħda jew aktar, id-depożitu li jkun qed jintalab jiġi meqjus daqslikieku jappartjeni lis-sidien benefiċjarji b’mod ugwali, sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tista’ tiddetermina l-interessi benefiċjarji ta’ tali persuni. Hija responsabbiltà tal-fiduċjarju jew tal-mandatarju sabiex jagħti informazzjoni lill-Iskema dwar l-ismijiet tas-sidien benefiċjarji u l-ammonti dovuti lilhom. Bla dubju, dawn it-tipi ta’ kontijiet mhux se jitħallsu mill-Iskema fit-terminu ta’ żmien kif indikat iktar ‘il fuq. Meta bank ifalli, l-Iskema tistieden lill-fiduċjarji tal-kontijiet sabiex jipprovdu lista dettaljata tas-sidien benefiċjarji ta’ dawn il-kontijiet u b’hekk l-Iskema tkun tista’ tħallas il-kumpens dovut lil dawn is-sidien benefiċjarji.

15. Jeżistu sitwazzjonijiet partikolari fejn il-pagament tal-kumpens jinżamm jew jingħata aktar tard?

Normalment il-pagament tal-kumpens isir fil-perjodi kif spjegat f’mistoqsija 8 iktar ‘il fuq.

Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn l-Iskema tista’ ttawwal iż-żmien meta jitħallas il-pagament tal-kumpens, iktar tard il-perjodu stipulat.

Il-Bilanċi Temporanjament Għoljin (ara mistoqsija 5) ma jitħallsux fiż-żmien stipulat għaliex id-depożitant ikun irid japplika ma’ l-Iskema sabiex jiġi kkonsidrat għal pagament addizzjonali skont din il-kategorija ta’ pagamenti. Jekk l-Iskema hija sodisfatta li inti intitolat għal ammonti addizzjonali għaliex fil-kont tiegħek hemm bilanċi li jikkwalifikaw għal ammont ikbar ta’ kumpens, l-Iskema tkun obbligata li tħallas dan il-kumpens addizzjonali dovut fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha mingħand l-applikant.

L-Iskema tista’ wkoll ittawwal il-pagament b’rabta mal-bilanċi miżmuma f’kontijiet inattivi. Kont inattiv huwa kont fejn ma tkunx saret tranżazzjoni tul l-24 xahar ta’ qabel (sentejn). Għalhekk, jekk il-bank tiegħek jikklassifika l-kont bħala inattiv, il-bilanċ f’dan il-kont ma jitqiesx mill-Iskema fil-kalkolu tal-kumpens dovut. Inti tista’ tapplika ma’ l-Iskema – iktar tard – għall-kumpens addizzjonali (ie. fil-limitu massimu ta’ €100,000) għal ammonti miżmuma f’tali kont inattiv. Madanakollu, l-Iskema tista’ xorta tirrifjuta li tħallas dan il-kumpens addizzjonali jekk il-valur tad-depożitu jkun inqas mill-ispejjeż amministrattivi ta’ l-Iskema biex tagħti tali kumpens.

Pagament ta’ kontijiet f’isem mandatarju jew fiduċjarju wkoll jista’ jiġi differit (kif spjegat f’mistoqsija 2 iktar ‘il fuq).

16. Jien depożitant f’fergħa ta’ bank inkorporat f’Malta imma li tinsab fi stat membru taż-ŻEE. Taħt liema Skema se nkun kopert – l-Iskema f’Malta jew dik fil-pajjiż fejn tinsab il-fergħa?

Ir-responsabbiltà tal-pagament tal-kumpens dovut lilek huwa tal-iskema tal-istat membru fejn sar id-depożitu. Per eżempju, jekk inti għandek kont f’fergħa fi Spanja, ta’ bank inkorporat u liċenzjat f’Malta, l-Iskema fi Spanja hija responsabbli li tħallas il-kumpens dovut lilek.

17. Jien depożitant f’fergħa f’Malta ta’ bank inkorporat f’pajjiż ieħor taż-ŻEE. Kieku dan il-bank ifalli, liema Skema se tikkumpensani għat-telf tiegħi?

Ir-responsabbiltà tal-pagament tal-kumpens dovut lilek huwa tal-Iskema tal-istat membru fejn tinsab il-fergħa, u din għandha tgħaddi dan il-kumpens fit-termini ta’ żmien skont kif imfisser iktar ‘il fuq . Per eżempju, jekk inti għandek kont f’fergħa f’Malta ta’ bank inkorporat u liċenzjat fil-Ġermanja, l-Iskema f’Malta hija responsabbli li tħallas il-kumpens dovut lilek.

18. Jien depożitant f’fergħa f’Malta ta’ bank stabbilit barra miż-ŻEE. L-Iskema f’Malta tkopri d-depożiti tiegħi?

Le, id-depożiti tiegħek mhumiex koperti mill-Iskema f’Malta. Għandek tiċċekkja mal-bank tiegħek dwar taħt liema skema huma koperti d-depożiti tiegħek, f’każ li hemm. Per eżempju, jekk inti għandek kont f’fergħa f’Malta ta’ bank inkorporat u liċenzjat fit-Turkija, l-Iskema f’Malta mhijiex responsabbli u għandek tiċċekkja mal-bank tiegħek jekk intix kopert bi skema li tixbah lil dik f’Malta.

19. Jien depożitant f’fergħa li tinsab barra miz-ŻEE ta’ bank stabbilit f’Malta. L-Iskema f’Malta tkopri d-depożiti tiegħi?

Le, id-depożiti tiegħek mhumiex koperti mill-Iskema f’Malta. Trid tiċċekkja mal-bank tiegħek dwar taħt liema skema huma koperti d-depożiti tiegħek, jekk jeżistu. Per eżempju, jekk inti għandek kont f’fergħa fl-Istati Uniti ta’ bank inkorporat u liċenzjat f’Malta, l-Iskema f’Malta mhijiex responsabbli lejk u għandek tiċċekkja mal-bank tiegħek jekk intix protett minn skema simili fil-pajjiż fejn tinsab il-fergħa tiegħek.

20. X’inhuma d-drittijiet tiegħi jekk nirrifjuta li naċċetta deċiżjoni meħuda mill-Iskema fir-rigward tiegħi?

Id-drittijiet legali tiegħek mhux se jkunu preġudikati jekk l-Iskema ma jirnexxilhiex tħallsek fiż-żmien stipulat hawn fuq, jew jekk inti tirrifjuta li taċċetta deċiżjoni meħuda mill-Iskema fir-rigward tiegħek. Importanti li tkun mgħarraf li ż-żmien li matulu tista’ tressaq talba għal rimborż jista’ jiġi preskritt wara ċertu limitu ta’ żmien. Per eżempju, jekk iddum ma tressaq talba għal iktar minn sentejn sabiex tingħata kumpens addizzjonali skont kif imfisser iktar ‘il fuq (jiġifieri sal-limitu ta’ €500,000), se titlef id-dritt tiegħek li tingħata dan il-kumpens addizzjonali.

U l-aħħar ħaġa …

Sabiex tirċievi l-kumpens ikollok bżonn tiffirma xi dikjarazzjonijiet li jinkludu surroga favur l-Iskema. Din is-surroga tagħtina d-dritt sabiex jinġabru l-ammonti li nkunu ħallasnik, f’każ li l-istituzzjoni falluta jkun għad fadlilha xi flus jew assi. Is-surroga tippermettilna wkoll sabiex nitolbu l-flus lura minn persuni oħra li jistgħu ikunu responsabbli għat-telf li sofrejt.