Il-parteċipanti kollha fl-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri huma obbligati jagħmlu Kontribuzzjoni Fissa u Kontribuzzjoni Varjabbli.

Il-Kontribuzzjoni Fissa hija mħallsa lill-Iskema kull sena. Għal ditti ta’ investiment taħt Kategorija 2, il-Kontribuzzjoni Fissa hija ta’ €2911.72 fis-sena. Għal ditti ta’ investiment taħt Kategorija 3, il-Kontribuzzjoni Fissa hija ta’ €17470.30 fis-sena. (Fil-qosor,  dawn il-kategoriji ta’ ditti ta’ investiment huma liċenzjati sabiex jipprovdu kull tip ta’ servizz ta’ investiment u sabiex iżommu u jikkontrollaw l-assi jew flus tal-klijenti.)

Il-Kontribuzzjoni Varjabbli mhix imħallsa lill-Iskema iżda hija kkunsidrata u miżmuma minn kull ditta sakemm il-Kumitat isejjaħ għall-fondi msemmija. Il-Kontribuzzjoni Varjabbli hija kkalkulata billi tiġi applikata rata perċentwali fuq id-dħul kollu tad-ditta ta’ investiment fuq bażi annwali. Ir-rata perċentwali għall-Kontribuzzjoni Varjabbli hija ta’ 0.1% per annum. Il-Kontribuzzjoni Varjabbli hija mitluba tinżamm f’riżerva (ir-Riserva tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri) u tista’ tiġi nvestita mid-ditta ma’ terz, u dan permezz ta’ approvazzjoni bil-miktub mill-Kumitat filwaqt li tiġi rispettata l-prudenza. It-terz imsemmi jżomm il-fondi bħala rahan favur l-Iskema u jirrikonoxxi speċifikament id-drittijiet tal-Iskema bħala rahan, u jinforma lill-Iskema bil-miktub. Il-parteċipanti jistgħu jħallsu l-ammont tal-Kontribuzzjoni Varjabbli direttament lill-Iskema, minflok iżommu l-ammont f’Riżerva.

It-It-Tieni Skeda tar-Regolamenti tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri tagħti ħafna aktar dettall dwar il-kontribuzzjonijiet li d-ditti ta’ investiment huma mitluba jagħtu lill-Iskema.

Ir-Rapporti Finanzjarji tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri jipprovdu fid-dettall rendikont tal-ammonti li jkunu tħallsu lill-Iskema.