L-informazzjoni pprovduta f’din it-taqsima hi kumplimentari għal kwalunkwe tagħrif ieħor li l-bank hu mitlub jipprovdilek f’dak il-mument li qed tiftaħ il-kont kif ukoll kull sena.  Fittex din l-informazzjoni meta tirċievi r-rendikonti bankarji annwali tiegħek, mibgħuta bil-posta normali jew b’mod elettroniku.

L-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant (l-Iskema) hija fond ta’ salvataġġ għal depożitanti li nvestew f’banek li jkunu fallew u li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Il-kumpens nistgħu nħallsuh biss jekk il-bank ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi li għandu lejn id-depożitanti jew inkella jkun waqqaf il-pagamenti dovuti skont kif stabbilit permezz tal-AL383 tal-2015.

L-Iskema hija mmexxija minn Kumitat maħtur mill-MFSA. Dan il-Kumitat huwa magħmul minn individwi li jirrappreżentaw l-MFSA, il-Bank Ċentrali, kumpaniji ta’ investiment liċenzjati, il-banek u l-klijenti.

L-Iskema ma tirregolax banek liċenzjati. Kull negozju mwettaq minn banek liċenzjati skont l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju huwa rregolat mill-MFSA.

L-għan tagħna hu li nittrattaw lil kulħadd b’mod ġust u b’mod miftuħ. Madankollu, il-kumpens nistgħu nħallsuh biss skont ir-Regolamenti tal-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant (ir-Regolamenti). Ser nispjegaw kif dawn ir-regoli joperaw ġeneralment, sabiex nevitaw kull tip ta’ nuqqas ta’ ftehim jew aspettativi mhux realistiċi li jistgħu jinqalgħu dwar dak li jista’ jitwettaq.

 

L-Għan tal-Iskema

L-Iskema għandha l-għan li tħeġġeġ il-kunfidenza mhux biss fil-banek liċenzjati, imma fuq kollox, fis-sistema finanzjarja b’mod sħiħ. Dak li jiġġustifika lil din l-iskema huwa l-fatt li ġeneralment bosta depożitanti mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu evalwazzjoni komprensiva tar-riskji li jaffettwaw bank liċenzjat.

 

Banek koperti mill-Iskema

L-Iskema tkopri depożiti magħmula f’banek liċenzjati skont l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju inkorporati f’Malta inkluż il-fergħat tagħhom li joperaw fi kwalunkwe post ieħor fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”).

Depożiti mqiegħda f’fergħa f’Malta ta’ bank inkorporat barra miż-ŻEE mhumiex koperti mill-Iskema f’Malta. L-Iskema f’Malta lanqas ma tkopri depożiti miżmuma f’fergħat ta’ banek stabbiliti f’Malta li jinsabu barra miż-ŻEE.

L-informazzjoni bil-miktub maħruġa mill-bank innifsu għandha tgħarrfek ma’ liema Skema jew Skemi huwa msieħeb il-bank. Din l-informazzjoni tista’ ssibha mhux biss mehmuża ma’ kull dokumentazzjoni li l-bank jista’ jgħaddilek meta tiftaħ il-kont, imma wkoll fuq is-sit elettroniku tal-istess bank.

L-Iskema f’Malta tista’ wkoll tagħtik parir dwar liema banek huma msieħba fl-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant f’Malta. Tista’ wkoll tagħfas hawn sabiex tara l-lista aġġornata ta’ banek parteċipanti.

(L-akronomu ŻEE jirreferi għaz-Żona Ekonomika Ewropea. Iż-ŻEE twaqqfet fl-1994 u tlaqqa’ flimkien il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ). Il-pajjiżi li  jagħmlu parti miz-ŻEE huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit. Pajjiżi li huma membri fiż-ŻEE imma MHUMIEX parti mill-Unjoni Ewropea huma: in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein.)

 

Kontijiet koperti mil-Iskema

Il-kontijiet kollha ta’ depożitu huma koperti mill-Iskema. Dawn jinkludu l-kontijiet kollha tat-tfaddil, kurrenti u ta’ depożitu fiss, kif ukoll kull tip ta’ kont li, meta jfalli l-bank, jista’ jkun bi kreditu (bħalma huma kontijiet tal-karti ta’ kreditu u kreditu fuq kontijiet bankarji, magħrufa bħala “overdrafts”).

Depożiti li jistgħu ikunu ppruvati permezz ta’ ċertifikat jew li jistgħu ikunu marbuta ma’ investiment (bħalma huma prodotti fejn il-kapital ma jerġax jitħallas lura kompletament hekk kif jimmatura) mhumiex meqjusa bħala depożiti u għalhekk mhumiex koperti mill-Iskema. Madankollu, ċertifikati ta’ depożitu moħruġa f’isem persuni u li kienu eżistenti f’Malta fit-2 ta’ Lulju 2014 huma koperti mill-Iskema.

It-total tad-depożiti kollha tiegħek ma’ l-istess istituzzjoni ta’ kreditu jiġi maħdum u l-kumpens totali huwa suġġett għal limitu ta’ EUR100,000 għal kull depożitant (irrispettivament min-numru ta’ kontijiet li d-depożitant ikollu ma’ bank fallut).

 

Muniti koperti mil-Iskema

L-Iskema tkopri l-muniti kollha mingħajr distinzjoni.

Madankollu, fl-eventwalità li l-Iskema tħallas kumpens, dan il-kumpens jitħallas bl-ewro. Għalhekk, meta l-Iskema tintalab tagħmel dan it-tip ta’ kumpens, jekk il-kont tiegħek hu fi kwalunkwe munita oħra li mhijiex l-ewro, l-Iskema taqleb l-ammont fil-kont tiegħek (inkluż l-imgħax akkumulat) f’ewro skont ir-rata tal-kambju uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

 

Limiti applikabbli fl-eventwalità ta’ talba

Bilanċi miżmuma fid-depożitu:

L-ammont massimu li l-Iskema hija obbligata tħallas lid-depożitanti ta’ bank fallut huwa ta’ €100,000.

Dan il-limitu japplika għall-ammont totali ta’ depożiti li d-depożitant ikollu mal-bank fallut, irrispettivament min-numru ta’ kontijiet, mill-munita tal-kontijiet kif ukoll mil-post fejn jinsab il-bank jew fergħa fiż-ŻEE.

L-Iskema ma tnaqqasx jew tieħu in kunsiderazzjoni ammonti dovuti mid-depożitant lil dak il-bank fallut. Dawn l-ammonti jistgħu jinkludu, per eżempju, ammonti dovuti b’rabta ma’ self u self kurrenti bankarju.

Kwalunkwe kumpens pagabbli mill-Iskema jinħadem fuq l-ammonti kkreditati fil-kontijiet ta’ dak id-depożitant, inklużi kwalunkwe nteressi akkumulati sad-data li l-Iskema tkun obbligata li tħallas il-kumpens.

 

Bilanċi Temporanjament Għoljin (kumpens addizzjonali):

Minbarra s-somma massima ta’ kumpens ta’ €100,000, jista’ jkun hemm cirkostanzi fejn id-depożitant ikun intitolat sabiex jingħata kumpens addizzjonali (sa €500,000) għal bilanċi speċifiċi miżmuma fl-istess kontijiet ta’ dak id-depożitant.

Fil-mument meta jfalli l-bank, id-depożitant jista’ jkun li jkollu xi bilanċi fil-kont tiegħu li jistgħu ikunu ġejjin minn sitwazzjonijiet partikolari tal-ħajja jew soċjali. Normalment dawn ikunu pagamenti temporanjament għoljin magħmulin lid-depożitant.

Minbarra l-kumpens ta’ €100,000, uħud mid-depożitanti jistgħu għalhekk jikkwalifikaw ukoll sabiex jirċievu kumpens addizzjonali li ma jaqbiżx il-€500,000 jekk il-bilanċ fil-kont tad-depożitant ikun ġej minn dawn l-avvenimenti personali:

(a) Flus depożitati bi tħejjija biex tinxtara proprjetà residenzjali privata mid-depożitant:

(b) Flus li jirrappreżentaw id-dħul minn bejgħ ta’ proprjetà residenzjali privata tad-depożitant.

(c) Somom imħallsa lid-depożitant b’rabta ma’ :

  1. Separazzjoni, divorzju jew xoljiment tal-unjoni ċivili tagħhom; jew
  2. Benefiċċji pagabbli fl-irtirar; jew
  3. Talba għal kumpens f’każ ta’ sensja inġusta; jew
  4. Talba għal kumpens f’każ ta’ għoti tas-sensja; jew
  5. Benefiċċji pagabbli f’każ ta’ mewt jew korriment; jew
  6. Talba għal kumpens f’każ ta’ kundanna żbaljata.

 

Sabiex issir talba għal dan il-kumpens addizzjonali, id-depożitant għandu jressaq quddiem l-Iskema applikazzjoni bil-miktub u evidenza li tappoġġa t-talba li d-depożitu kollu jew parti minnu li jaqbeż il-€100,000 jikkwalifika bħala bilanċ temporanjament għoli.

Id-depożitant jista’ jagħmel aktar minn talba WAĦDA jekk hemm diversi sitwazzjonijiet li jwasslu għal bilanċ temporanjament għoli, f’liema każ il-kumpens addizzjonali sa €500,000 japplika għal kull talba ta’ bilanċ temporanjament għoli.

Apparti l-kriterji mniżżla hawn fuq, bilanċ temporanjament għoli jkun eliġibbli għal kumpens jekk l-ammonti miksuba jkunu ġew ikkreditati fil-kont tad-depożitant fi żmien sitt xhur mid-data li l-Iskema tkun obbligata tħallas il-kumpens lid-depożitant.  Għalhekk, jekk id-depożitant jiddikjara li kellu bilanċ f’kont (miksub minn sitwazzjoni minn dawk deskritti iktar ‘il fuq) għal aktar minn sitt xhur mid-data li l-Iskema hija mitluba tħallas il-kumpens lid-depożitant, l-Iskema ma tkunx obbligata tħallas tali kumpens addizzjonali kif imfisser iktar ‘il fuq.

Kif jinħadem il-kumpens

Kull detentur ta’ kont, irrispettivament min-numru ta’ kontijiet, mill-munita tagħhom u mill-post fejn jinsab il-kont, jibbenefika minn kumpens li ma jaqbiżx il-€100,000.

Is-sehem ta’ kull depożitant ta’ kont konġunt jitqies separatament meta jiġi kkalkulat il-kumpens. Fin-nuqqas ta’ provvedimenti kuntrarji, il-kont konġunt jinqasam b’mod ugwali bejn id-depożitanti.

Depożiti magħmula f’kont f’isem żewġ persuni jew aktar li huma msieħba f’negozju, f’assoċjazzjoni jew fi grupp ta’ natura simili, mingħajr personalità ġuridika, ser jinġabru flimkien u jiġu meqjusa daqslikieku saru minn depożitant wieħed għal fini tal-kalkolu tal-kumpens.

F’każ li depożitant mhuwiex assolutament intitolat għall-ammonti miżmuma f’kont u persuna oħra hija assolutament intitolata għal dawn l-ammonti, il-persuna li hija ntitolata tiġi mħallsa  l-kumpens b’rabta mad-depożitu.

Rigward depożiti miżmuma minn persuna li tagixxi bħala fiduċjarju jew  mandatarju ta’ persuna waħda jew aktar, id-depożitu li jkun qed jintalab jiġi meqjus daqslikieku jappartjeni lis-sidien benefiċjarji b’mod ugwali, sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tista’ tiddetermina l-interessi benefiċjarji ta’ tali persuni. Hija responsabbiltà tal-fiduċjarju jew tal-mandatarju sabiex jagħti informazzjoni lill-Iskema dwar l-ismijiet tas-sidien benefiċjarji u l-ammonti dovuti lilhom.

Depożitanti li mhumiex eliġibbli għal kumpens

Huma biss ftit id-depożiti jew id-depożitanti LI MHUMIEX ELIĠIBBLI li jirċievu kumpens mill-Iskema.

Dawn huma:

  1. Depożiti magħmula minn istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu f’isimhom u f’isem il-kont tagħhom;
  2. Fondi li jappartjenu lill-bank;
  3. Depożiti li ġejjin minn tranżazzjonijiet konnessi ma kundanna kriminali fuq ħasil ta’ flus;
  4. Depożiti magħmula minn istituzzjonijiet finanzjarji;
  5. Depożiti magħmula minn kumpaniji ta’ investiment;
  6. Depożiti magħmula minn detentur li qatt ma ġie identifikat;
  7. Depożiti magħmula minn impriżi tal-assigurazzjoni u minn impriżi ta’ riassigurazzjoni;
  8. Depożiti magħmula minn impriżi tal-investiment kollettiv;
  9. Depożiti magħmula minn pensjonijiet u fondi ta’ rtirar;
  10. Depożiti minn awtoritajiet pubbliċi;
  11. Titoli ta’ dejn maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn aċċettazzjonijiet u ċedoli;
  12. Depożiti miżmuma ma’ membru f’fergħa ta’ dak il-membru li tinsab fi Stat mhux Membru;
  13. Depożiti miżmuma f’fergħa f’Malta minn bank stabbilit barra miż-ŻEE.

 

Attivazzjoni tal-Iskema

Kemm l-MFSA, bħala r-regolatur tal-banek f’Malta, kif ukoll il-Qrati jistgħu jiddeterminaw li bank mhux kapaċi jħallas lura d-depożiti għal raġunijiet relatati direttament mal-qagħda finanzjarja tiegħu u li ma hemmx prospetti li se jkun kapaċi jagħmel dan.