L-Iskema ta’ Kumpens għall-Investitur hija fond ta’ salvataġġ għall-konsumaturi li investew f’kumpaniji ta investimenti li huma liċenzjati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), f’każijiet fejn dawn il kumpaniji ta investimenti ma jkunux jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom. Kumpens jista’ jitħallas biss jekk ditta ta’ investimenti liċenzjata ma tkunx tista’ tħallas jew probabbilment ma tkunx tista’ tħallas talbiet mressqa kontriha.

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri hija amministrata minn Kumitat maħtur mill-MFSA. Dan il-Kumitat huwa magħmul minn persuni li jirrappreżentaw lill-MFSA, lill-Bank Ċentrali, lil ditti liċenzjati, lill-banek u lill-klijenti.

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri ma tirregolax ditti ta’ investiment liċenzjati. Negozju mmexxi minn ditti ta’ investiment taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment huwa regolat mill-MFSA.

L-iskop tagħna hu li nittrattaw lil kulħadd b’mod ġust u b’mod miftuħ. Madankollu aħna nistgħu inħallsu kumpens skont ir-Regolamenti tal-Iskema ta’ Kumpens lill-Investitur (ir-Regolamenti) biss. Bl-ispjegazzjoni ta’ kif ġeneralment joperaw dawn ir-regolamenti, nixtiequ nipprevjenu kull tip ta’ nuqqas ta’ ftehim jew aspettattivi mhux realistiċi fuq dak li aħna nistgħu nagħmlu.

Skop ta’ l-Iskema

L-Iskema hija maħsuba biex tippromwovi fiduċja mhux biss f’ditti ta’ investiment liċenzjati imma aktar importanti, fis-sistema finanzjarja kollha. Il-ġustifikazzjoni tagħha toħroġ mill-fatt li investitur ġeneralment ma jkunx f’qagħda li jiżen, b’mod komprensiv, ir-riskji li jaffettwaw ditta ta’ investimenti liċenzjata.

Ditti koperti mill-Iskema

Id-ditti li ġejjin huma koperti mill-Iskema:

  • Ditti liċenzjati skont l-Investment Services Act tal-1994, inkorporati f’Malta inkluż il-fergħat tagħhom fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”), jekk ikun il-każ;
  • Uħud mid-ditti inkorporati fi Stati tal-EEA li jistgħu jingħaqdu fl-Iskema biex jissupplimentaw dak li tkopri l-iskema fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom fir-rigward ta’ investimenti magħmula mill-uffiċċji tagħhom f’Malta;
  • Uħud mid-ditti inkorporati barra mill-EEA fir-rigward ta’ investimenti milqugħa mill-uffiċċji tagħhom f’Malta.
  • Il-letteratura tad-ditta nnifisha fir-rigward ta’ l-iskema tista’ tiddikjara ma’ liema skema jew skemi tappartjeni. Jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, int għandek tistaqsi lid-ditta tiegħek biex tagħtik aktar tagħrif f’dan ir-rigward.

Il-Kumitat tal-Amministrazzjoni tal-Iskema ta’ Kumpens lill-Investitur jista’ wkoll jgħidlek jekk ditta tkunx qiegħda tipparteċipa fl-Iskema.

 

(Iż-ŻEE tfisser Żona Ekonomika Ewropea. Inħolqot fl-1994, iż-ŻEE tgħaqqad flimkien il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tal-EFTA (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles). Pajjiżi li jiffurmaw parti miż-ŻEE huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit. Pajjiżi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea imma MHUX parti mill-Unjoni Ewropea huma: in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein.)

Limiti applikabbli f’każ ta’ talba

L-Iskema tkopri 90% tal-obbligazzjoni netta ta’ ditta lill-investitur fir-rigward ta’ investimenti li jikkwalifikaw għal kumpens taħt l-Investment Services Act suġġett għal ħlas massimu ta’ 20,000 ewro għal kull investitur.

It-total ta’ l-obbligazzjoni netta ta’ ditta lill-investitur huwa l-aggregat tal-kontijiet kollha f’isem dak l-investitur fi kwalunkwe munita, inkluż is-sehem ta’ l-investitur f’kont konġunt jew f’kont tal-klijenti.

Kontijiet konġunti jinqasmu b’mod ugwali bejn il-proprjetarji tal-kont meta ma jkun hemm ebda indikazzjoni tas-sehem ta’ kull titular fil-kont. Kull wieħed ikun kopert sal-limiti deskritti iktar ‘il fuq.

Fir-rigward ta’ investimenti miżmuma minn persuna li taġixxi bħala fiduċjarju jew mandatarju għal persuna waħda jew aktar, l-investiment li jkun suġġett għat-talba għandu jitqies li jappartjeni lis-sidien benefiċjarji b’mod ugwali sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tista’ tiddetermina l-interessi benefiċjarji ta’ dawn il-persuni.

Dawn li ġejjin jitnaqqsu mill-ammonti pagabbli taħt l-Iskema:

  • ammonti mħallsa minn skemi ta’ kumpens ta’ investiment x’imkien ieħor;
  • ħlasijiet minn xi polza ta’ assigurazzjoni maħruġa minn min qiegħed jagħmel it-talba fir-rigward tal-investiment;
  • ħlasijiet minn likwidatur jew riċevitur; u
  • kwalunkwe ammonti li kellhom dritt għal tpaċija fid-data tad-dikjarazzjoni.

Muniti koperti mill-Iskema

L-Iskema tkopri investimenti fi kwalunkwe munita.

Tipi ta’ investimenti koperti

Il-parti l-kbira tal-investimenti huma koperti. Ċerti investimenti mhumiex koperti mill-iskema, bħal:-

  • Investimenti minn kumpaniji li mhumiex permessi li jikkompilaw karti tal-bilanċ imqassra skont it-termini tal-Att dwar il-Kumpaniji.
  • Ammonti depożitati minn ditta oħra għall-kont tagħha stess.
  • Investimenti riżultanti minn tranżazzjonijiet li f’konnessjoni magħhom kien hemm kundanna skont il-leġiżlazzjoni ta’ kontra l-ħasil tal-flus.
  • Investimenti magħmula minn istituzzjonijiet finanzjarji.
  • Investimenti magħmula minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni.
  • Investimenti magħmula minn gvernijiet, awtoritajiet amministrattivi ċentrali u gvernijiet jew awtoritajiet lokali jew reġjonali.
  • Investimenti magħmula minn intrapriżi ta’ investiment kollettiv.
  • Investimenti magħmula minn fondi ta’ pensjoni u rtirar.
  • Investimenti magħmula mid-diretturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu, maniġers, membri personalment responsabbli, sidien ta’ mill-inqas 5% tal-kapital ta’ l-istituzzjoni, persuni responsabbli li jagħmlu l-verifiki statutorji tad-dokumenti ta’ kontabilità ta’ l-istituzzjoni u depożitanti ta’ sitwazzjoni simili f’kumpaniji oħra fl-istess grupp.
  • Investimenti magħmula minn qraba u terzi li jaġixxu għad-depożitanti msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan.
  • Investimenti magħmula minn kumpaniji oħra fl-istess grupp li jagħtu rapporti finanzjarji konsolidati.
  • Investimenti li ma jikxfux l-identità tal-investitur.
  • Investimenti li fir-rigward tagħhom l-investitur ikun kiseb, fuq bażi ndividwali, mill-istess istituzzjoni, rati u konċessjonijiet finanzjarji li jkunu għenu biex jaggravaw il-qagħda finanzjarja tagħha.
  • Titoli ta’ dejn maħruga mill-istess istituzzjoni u responsabbiltajiet riżultanti minn aċċettazzjonijiet u ċedoli tagħha stess.
  • Depożiti miżmuma minn mandatarji, fiduċjarji jew terzi oħra li jaġixxu f’isem jew fl-interess tal-persuni msemmija f’din l-iskeda safejn għandhom x’jaqsmu l-fondi miżmuma f’din il-kapaċità.

Attivazzjoni tal-Iskema

L-Iskema tiġi attivata mal-okkorrenza ta’ waħda mill-kriterji skont regolament 13 tar-Regolamenti tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Investituri. L-avveniment l-iktar probabbli hija deċiżjoni tal-Qorti li tordna l-likwidazzjoni ta’ ditta ta’ investiment. L-Iskema tkun attivata wkoll jekk l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji, bħala regolatur ta’ ditti ta’ investiment f’Malta, tiddetermina li ditta ma kinitx kapaċi tissodisfa l-obbligi tagħha riżultanti minn talbiet mill-investituri tagħha, għal raġunijiet li huma relatati direttament maċ-ċirkustanzi finanzjarji tagħha u m’għandhiex prospetti li tista’ tagħmel dan.

Punti li wieħed għandu jiftakar

Ma tistax titlob kumpens abbażi ta’:

  • Ċaqliq fis-suq li jirriżulta fi tnaqqis fil-valur ta’ investiment.
  • Parir fqir dwar investimenti.
  • Investiment li kien ġie eżegwit b’mod korrett u li falla.
  • Falliment ta’ skema ta’ investiment kollettiv.
  • Inflazzjoni.
  • Tnaqqis fir-rati ta’ l-imgħax.