Aħna niċċekkjaw b’attenzjoni kull talba għall-kumpens u niżguraw li kull talba hija koperta mir-Regolamenti qabel ma nibdew naħdmu fuqha. Jekk inti ma tkunx eliġibbli għall-kumpens skond ir-Regolamenti, aħna niktbulek u nispjegawlek ir-raġuni.
2. L-Iskema tkopri telf ikkaġunat minn parir ħazin?
L-Iskema ma tkoprix telf ikkaġunat minn parir mhux addattat jew minn amministrazzjoni ħazina ta’ l-investiment.
3. Il-kumpens ikopri telf minn investimenti riżultat ta’ ċaqliq fis-suq?
L-Iskema ma tikkumpensax telf fil-valur ta’ l-investimenti ikkaġunat minn ċaqliq fis-suq. Għalhekk m’hemm ebda protezzjoni għal volatilità fis-suq finanzjarju, u lanqas għal telf ikkaġunat minn inflazzjoni. L-intermedjarji m’għandhom ebda kontroll fuq dawn l-effetti ekonomiċi.
4. Inkun kopert jekk ninnegozja permezz tal-lnternet?
Negozju li jsir permezz ta’ l-Internet jista’ jkun kopert biss jekk id-ditta li qed tittratta magħha hija intermedjarju liċenzjat.
5. L-Iskema tkopri kumpaniji kif ukoll individwi?
L-Iskema tkopri lill-maġġoranza tal-investituri u diversi tipi ta’ investimenti. Madankollu, hemm xi investituri li jista’ jkun li ma jistgħux iressqu talba. Kumpaniji li għandhom permess li jikkompilaw karti tal-bilanċ mqassra skont l-Att dwar il-Kumpaniji huma koperti wkoll
6. Id-depożiti bankarji huma koperti?
Depożiti bankarji mhumiex legalment definiti bħala investimenti u mhumiex koperti minn din l-Iskema. Iżda jistgħu ikunu eliġibbli għall-protezzjoni taħt arranġamenti differenti, jiġifieri l-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant.
7. Jien inkun kopert jekk ditta ta’ investimenti liċenzjata tirrifjuta li tgħaddili xi flus minħabba xi kwistjoni miegħi?
Il-kumpens ma jiġix attivat jekk ditta liċenzjata tista’ tgħaddilek xi flus izda qed tirrifjuta li tagħmel dan għal raġunijiet li mhumiex konnessi maċ-ċirkustanzi finanzjarji negattivi li tkun fihom. Għalhekk l-Iskema ta’ Kumpens lill-Investitur ma tkoprix talbiet ta’ din ix-xorta.
8. X’jiġri jekk id-ditta ta’ investimenti liċenzjata jkollha f’idejha istrumenti ta’ investiment speċifiċi jew assi oħra li jkunu proprjetà tiegħi?
L-Iskema tkopri mhux biss il-ħlas lura ta’ flus dovuti lilek. Hija trodd lura wkoll investimenti w assi li jkunu qed jinżammu f’ismek minn ditta liċenzjata, jew, fejn dan mhux possibbli, tħallas kumpens fuq il-bażi tal-valur tagħhom.
9. L-Iskema kif tikseb il-fondi biex tħallas il-kumpens lid-depożitanti?
L-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitanti mhijiex kumpanija tal-assigurazzjoni. Ma tirċevix fondi mill-Gvern jew minn min qed iħallas it-taxxa. L-Iskema hija finanzjata minn kontribuzzjonijiet mill-parti l-kbira tal-intermedjarji li huma liċenzjati skont il-liġi biex jagħtu servizzi ta’ investimenti. Dawn il-kontribuzzjonijiet isiru f’forma ta’ ammont fiss li jitħallas kull sena u provvediment annwali li jakkumula sena wara oħra u jitħallas meta ssir talba, fil-każ ta’ ħtieġa.
10. X’jiġri jekk ikolli iktar minn talba waħda?
Investitur jista’ jissottometti talba waħda biss għall-investimenti kollha li jinħadmu b’mod aggregat kontra ditta liċenzjata li tkun falliet.
11. X’jiġri jekk għandi kont konġunt jew miżmum f’isem ħaddiehor (trust), jew jekk l-azzjonijiet tiegħi huma miżmuma minn mandatarju?
Kontijiet konġunti jinqasmu b’mod ugwali bejn il-proprjetarji tal-kont ta’ investiment meta ma jkun hemm ebda indikazzjoni tas-sehem ta’ kull proprjetarju fil-kont. Kull wieħed ikun kopert sal-limitu stipulat fir-Regolamenti, jekk ikun eliġibbli.
Fir-rigward ta’ investimenti miżmuma minn persuna li taġixxi bħala trustee jew mandatarju għal sid jew sidien benefiċjaru/ji, l-investiment li jkun qed jiġi mitlub jitqies bħala proprjetà tal-benefiċjarji b’mod ugwali sakemm ma jkunx hemm informazzjoni speċifika li tiddetermina l-interessi benefiċjarji ta’ dawn il-persuni b’mod differenti.
Għal aktar tagħrif, ikkuntattjana :
Kumitat tal-Amministrazzjoni tal-Iskema ta’ Kumpens lill-Investitur
c/o Awtorità ta’ Malta għal Servizzi Finanzjarji
Triq Notabile
Attard BKR3000
MALTA
Tel: +356 21441155
E-mail: dcs_ics@mfsa.mt
Web: www.compensationschemes.org.mt